Moħħ Malti
Noħolqu lessiku Malti għall-anatomija tal-moħħ
Din il-kampanja maħsuba sabiex tiċċelebra l-valur u l-isbuħija tal-lingwa Maltija u ngħinu nżommuha ħajja. L-għan ta’ dan il-proġett se jintlaħaq bl-iżvilupp ta’ kliem bil-Malti li jiddiskrivu l-anatomjia tal-moħħ. Nistidnuk sabiex flimkien immorru fuq vjaġġ fejn inkomplu nintegraw u nsaħħu l-wirt tal-lingwa Maltija fid-dinja tax-xjenza b’enfasi fuq l-anatomija dettaljata tal-moħħ. Kulħadd mistieden biex isegwi u jkollu vuċi f’dan il-proġett. Flimkien nistgħu nesploraw, bil-lingwa Maltija, is-saħħa tal-moħħ.
Il-Moħħ
The Brain
Il-moħħ huwa responsabbli sabiex jirċievi u jipproċessa l-informazzjoni, kif ukoll jikkontrolla l-funzjonijiet kollha, volontarji kif ukoll involontarji, tal-ġisem.
L-Għerq
The Brainstem
Iz zokk tal-moħħ huwa struttura li jgħaqqad il-moħħ mas-sinsla tad-dahar. Iz-zokk huwa responsabbli għal ħafna mill-funzjonijiet involontarji tal-ġisem.
Mudullun (tal-Moħħ)
Medulla Oblongata
L-ewwel parti tal-għerq tal-moħħ. Il-mudullun huwa responsabbli sabiex jittrażmetti l-informazzjoni bejn is-sinsla u ħafna partijiet tal-moħħ.
Ċervellett
Cerebellum
Din l-istruttura tinsab wara l-għerq tal-moħħ. Iċ-ċervellett huwa responsabbli għal numru ta’ funzjonijiet iżda huwa l-iktar magħruf għall-irwol tiegħu fil-koordinazzjoni tal-movimenti volontarji.
Il-Pont
The Pons
Il-Pont jagħmel parti mill-għerq tal-moħħ u jinsab fuq il-mudullun. Din l-istruttura hija l-pont li tgħaqqad il-lemin taċ-ċervellett max-xellug, waqt li fl-istess ħin tgħaqqad il-mudullun ma’ reġjuni oħra tal-moħħ.
Il-Moħħ Nofsani
Midbrain
Il-Moħħ Nofsani huwa r-reġjun ta’ fuq tal-għerq tal-moħħ. Jirregola funzjonijiet bħall-movimenti tal-għajnejn, ir-rispons għad-dawl u l-ħoss. Huwa involut fil-kontroll ta’ funzjonijiet bħar-riflessi u l-movimenti awtomatiċi, kif ukoll is-serħan mill-uġigħ.
Iċ-Ċella
The Thalamus
Iċ-ċella tinsab fin-nofs tal-moħħ. Hija iċ-ċentru tat-trażmissjoni tas-sinjali miss sensi kollha (bħall-mess, is-smigħ, u l-vista ) barra ix-xamm.
Is-Suċċella
Hypothalamus
Is-suċċella tinsab taħt iċ-ċella u hija l-iktar struttura importanti għar-regolazzjoni tal-ormoni.
Sopraċella
Epithalamus
Is-sopraċella hija reġjun żgħir lejn in-naħa ta’ fuq taċ-cella. Din tirregola ċ-ċiklu tal-mistrieħ, kif ukoll tipproduċi ormoni bħall-melatonina, li tinfluenza l-irqad u s-sistema riproduttiva.
Deċella
Subthalamus
Id-deċella hija parti zgħira tal-moħħ, taħt iċ-ċella, li tgħin biex tirregola l-movimenti. Din taħdem ma’ partijiet oħra tal-moħħ biex tipprevjeni ċaqliq involontarju, bħal rogħda.
Ċervellu
Cerebrum
Iċ-ċervellu hija l-ikbar parti tal-moħħ. Din tinqasam fi tnejn u tikkontrolla xi funzjonijiet bħall-ħsieb, raġunar, emozzjonijiet, memorja u s-sensi.
Qoxra taċ-Ċervellu
Cerebral Cortex
Il-qoxra taċ-ċervellu hija l-parti ta’ barra taċ-ċervellu, fejn il-maġġoranza tal-informazzjoni tiġi proċessata.
Lobu
Lobe
Il-ċervellu huwa maqsum f’erba’ partijiet differenti li jissejħu ‘lobi’ (singular: lobu). Dawn jintużaw bħala termini anatomiċi, fejn l-isem jirrifletti l-pożizzjoni tagħhom.
Lobu Temporali
Temporal Lobe
Il-lobu temporali hu parti miċ-ċervellu li jinsab fil-ġnub tar-ras, viċin il-widnejn. Il-lobu temporali hu l-ewwel li jirċievi l-informazzjoni mill-ħsejjes u s-smigħ.
Lobu Frontali
Frontal Lobe
Il-lobu frontali hu l-ikbar lobu taċ-ċervellu u jinsab fin-naħa ta’ quddiem tar-ras. Dan hu primarjament involut fid-deċiżjonijiet, movimenti volontarji, kif ukoll ħsibijiet kumplessi.
Lobu Oċċipitali
Occipital Lobe
Il-lobu oċċipitali jinsab fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċervellu u jaħdem sabiex jiproċessa informazzjoni viżwali bħall-kuluri, forom u movimenti. Dan huwa l-ewwel post fiċ-ċervellu fejn jintbgħat informazzjoni mill-għajnejn.
Lobu Parjetali
Parietal Lobe
Il-lobu parjetali jinsab wara l-lobu frontali u quddiem il-lobu oċċipitali. Dan għandu rwol kruċjali fil-proċess ta’ informazzjoni sensorjali, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-għarfien tal-ispazju u ambjent tal-madwar.
Newron
Neuron
Newron (plural: newroni) hi ċellola speċjalizzata fis-sistema nervuża. In-newroni fil-ġisem jitrasmettu informazzjoni permezz ta’ sinjali elettriċi u kimiċi.
Ftila
Axon
Il-ftila hi l-parti t-twila u rqiqa tan-newron. Din iġġorr sinjali elettriċi għal newroni oħra, muskoli jew glandoli.
Fergħa
Dendrite
Il-fergħa hi l-parti tan-newron bid-dehra ta’ zokk ta’ siġra. Din tirċievi, tiġbor u twassal sinjali li jiġu min-newroni oħra.
Qalba/Nukleu
Nucleus
F’kull newron issib il-qalba/nukleu b’forma sferika. Id-daqs jiddependi mit-tul tal-ftila fl-istess newron, iktar kemm tkun twila, il-qalba/nukleu se jkun ikbar.
Rabta
Synapse
Ir-rabta hi fejn is-sinjali tas-sistema nervuża jiġu trasmessi permezz ta’ mezzi kimiċi jew elettriċi. B’hekk, tippermetti l-komunikazzjoni bejn in-newroni.
Newrotrasmettitur
Neurotransmitter
In-newrotrasmettituri huma messaġġiera kimiċi fil-moħħ li jgħinu lin-newroni jikkomunikaw ma’ xulxin. Dawn jittrasmettu sinjali madwar ir-rabta, jinfluwenzaw il-burdata, l-imġiba, u l-funzjonijiet tal-ġisem.
